gov.mt

PR261771

PR261771

21/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Investiment fil-kwartieri ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili f’Ta’ Kandja; inkomplu nsaħħu s-servizzi essenzjali biex jipproteġu lin-nies

​

Waqt l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-kwartieri ġenerali rinnovati tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'Ta' Kandja, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, saħaq li dan l-investiment huwa parti mill-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ is-servizzi essenzjali li jipproteġu s-sigurtà u s-serħan il-moħħ tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Gvern investa €1.5 miljun fir-rinovar u t-tkabbir tal-kwartieri ġenerali, proġett li se jsaħħaħ ukoll il-kapaċità operattiva tad-Dipartiment.

“Kulħadd għandu dritt jgħix b'moħħ mistrieħ, li fil-mument tal-bżonn se jsib min jipproteġih u min jassistih. Għalhekk huwa dmir tagħna li ninvestu fl-infrastruttura, fit-tagħmir u fir-riżorsi meħtieġa biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkun ippreparat u mgħammar biex jirrispondi għall-ħtiġijiet ta' pajjiżna," qal il-Ministru Bedingfield.

Permezz ta' dan il-proġett, l-ispazju tal-binja oriġinali, li nbniet lejn l-aħħar tas-snin disgħin, rdoppja biex jirrifletti t-tkabbir fid-daqs tal-operat tad-Dipartiment u r-responsabbiltajiet dejjem akbar li għandu.

Wieħed mill-elementi ewlenin tal-proġett huwa Control Room ġdida, moderna u mgħammra bit-teknoloġija meħtieġa biex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet. Sar ukoll investiment f'sistema ġdida ta' kameras installati fuq il-vetturi tat-tifi tan-nar, li tippermetti li l-operazzjonijiet jiġu segwiti mill-Control Room f'ħin reali.

Il-Ministru enfasizza li dan it-titjib huwa importanti biex id-Dipartiment ikun jista' jwieġeb b'mod aktar effettiv għall-emerġenzi, jikkoordina r-riżorsi tiegħu u jkompli jsaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jipproteġi l-ħajja.

“Wara kull telefonata jkun hemm persuna li teħtieġ l-għajnuna. F'ċerti sitwazzjonijiet, kull sekonda tista' tagħmel differenza. Għalhekk għandna bżonn infrastruttura moderna u sistema ta' koordinazzjoni effiċjenti li jgħinu lill-uffiċjali tagħna jagħmlu xogħolhom bl-aħjar mod possibbli," sostna l-Ministru.

Huwa tenna wkoll li, lil hinn mill-investiment fl-infrastruttura, l-aktar investiment importanti jibqa' dak fil-ħaddiema li ta' kuljum jaqdu dmirhom b'dedikazzjoni u professjonalità, ħafna drabi f'ċirkostanzi diffiċli u ta' periklu.

Il-Gvern se jkompli jaħdem biex il-membri tad-Dipartiment ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, taħriġ kontinwu u t-tagħmir meħtieġ biex ikunu jistgħu jwettqu l-missjoni tagħhom bl-ogħla standards.

Il-Ministru Bedingfield irringrazzja lil dawk kollha li kkontribwew għat-twettiq ta' dan il-proġett, kif ukoll lill-uffiċjali u lill-membri kollha tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, b'mod partikolari lil dawk li jaħdmu minn dawn il-kwartieri ġenerali u jiżguraw li s-servizz jibqa' għaddej 24 siegħa kuljum. “Illum qed nagħtu lid-Dipartiment aktar riżorsi biex inkomplu niżguraw li fis-siegħa tal-prova, il-poplu Malti u Għawdxi jsibna hemm."​

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro fakkar kif fil-passat l-emerġenzi kienu jiġu rreġistrati fuq karta u r-radju kien l-uniku mezz effiċjenti kif tgħaddi l-informazzjoni. “Illum għandna sistema li tuża l-intelliġenza artifiċjali biex jgħin lill-operaturi, biex jassiguraw li l-informazzjoni t-tajba tinġabar u tintbagħat direttament lill-fire engines li jkunu sejrin fuq il-post, fuq it-tablets tagħhom, kif ukoll b'sistemi ta' radju avvanzat," qal is-Sur Coleiro.

​